Dwarna

idha bil-Malti beda fl-2017 bħala paġna żgħira fuq Facebook u huwa idea taʼ żewġ aħwa, Reuben u Audrienne Degiorgio. It-tnejn li aħna għandna għal qalbna l-ilsien Malti u ħassejna l-ħtieġa li nqajmu iżjed interess fi lsienna, sabiex inrawmu aktar imħabba u sens taʼ apprezzament lejh u nkunu kburin bil-wirt lingwistiku tagħna. Il-Malti lsien żgħir iżda fih dinja kbira xʼtiskopri! It-tagħrif li jinqasam magħkom jitwasslilkom permezz taʼ noti qosra dwar ir-regoli tal-kitba, il-verbi, il-qwiel, l-idjomi, termini, żbalji komuni, eċċ. li jkunu ttellgħu fuq il-media soċjali (Facebook, Instagram u Threads). Dan is-sit web inbena sabiex dawn in-noti ma jintilfux biż-żmien u jkunu faċilment aċċessibbli fʼpost ieħor fuq l-internet. Bʼmod speċjali fuq il-media soċjali taʼ Għidha bil-Malti, issibu wkoll diversi osservazzjonijiet dwar l-influwenza tal-lingwi barranin fuq il-Malti (speċjalment l-Ingliż), il-code-switching, eċċ.

Kelmtejn dwarna. Wara li temm l-istudji tiegħu fl-2010, Reuben mar jaħdem Brussell bħala traduttur, reviżur u terminologu matul disaʼ snin fl-unità tat-traduzzjoni Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fl-2019 mar jaħdem il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala amministratur u għadu hemm sʼissa. Għandu Baċellerat fil-Franċiż u fl-Ingliż kif ukoll Maġisteru fit-Traduzzjoni, it-tnejn li huma mill-Università taʼ Malta. Jaf bil-Malti, bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Franċiż u bl-Olandiż.

Audrienne hija lettriċi l-MCAST fl-Istitut għall-Arti Kreattiva. Għandha Baċellerat fid-Disinn Grafiku u l-Media Interattiva mill-MCAST, kif ukoll Master fl-Arti Diġitali mill-Università taʼ Malta. Fl-ewwel snin tal-proġett, Audrienne sawret l-identità viżwali taʼ Għidha bil-Malti u ħadet ħsieb tfassal l-element viżwali tal-posts bis-saħħa tat-tpinġijiet tagħha. Minħabba impenji personali, Audrienne mʼgħadhiex tieħu sehem fil-proġett.

Reuben qed ikompli jaħdem fuq Għidha bil-Malti, u biż-żmien nibtu wkoll proġetti oħrajn bħal verb.mt (konjugatur tal-verbi elettroniku, sħiħ, bla ħlas u li tistaʼ toqgħod għalkollox fuqu) u qawl.mt (ġabra estensiva taʼ qwiel Maltin imfissrin). Inġabret ukoll lista tʼismijiet Maltin għal dawk il-ġenituri li jitħajru jsemmu lil uliedhom bil-Malti, kif ukoll lista taʼ ismijiet tal-lokalitajiet fʼMalta u Għawdex bl-aġġettivi tal-abitanti fil-maskil, il-femminil u l-plural. Dawn ir-referenzi kollha ġew sponsorjati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Ħarġu diversi artikli dwar Għidha bil-Malti, fosthom Saying it in Maltese: Siblings on a mission to make you say it right li deher fil-Malta Independent, Għidha bil-Malti li deher fis-17-il ħarġa tar-rivista l-aċċent tad-Dipartiment tal-Malti tal-Kummissjoni Ewropea u Wondering where the għ goes in a Maltese verb? New website to the rescue li deher fit-Times of Malta.

L-informazzjoni li titwasslilkom tittieħed minn diversi referenzi ta’ min joqgħod fuqhom. Din hija lista tal-aktar referenzi li jintużaw:

Id-dizzjunarju Malti-Ingliż u Ingliż-Malti tal-Prof. Joseph Aquilina
Qiegħda fil-Ponta taʼ Lsieni taʼ Ġużi Gatt
Qiegħda fil-Ponta taʼ Lsieni 2 taʼ Ġużi Gatt
Nikteb il-Malti Tajjeb taʼ Karl Scicluna
Inħaddem il-Malti Tajjeb taʼ Karl Scicluna, Saviour S. Agius u Chris Giordano
Il-Qawl Iqul taʼ Joseph S. Deʼ Conti Manduca u Ġorġ Mifsud
Idjomi Maltin taʼ Karm Fenech
Il-Malti tal-Idjomi taʼ Edmund Teuma
Bejn Kliem u Storja taʼ Martin Morana
Ara X’Int Tgħid taʼ Martin Morana
Biex il-Kliem Ikun Sew taʼ Martin Morana
Il-Kultura Maltija taʼ Fiona Mallia

Pin It on Pinterest