Taqbiliet bil-Malti
Ġabra ta’ taqbiliet bil-Malti.
Agħmel xita agħmel
Ħalli jikber il-ħaxix
Il-ħaxix nagħtuh lill-mogħża
U l-mogħża tagħtina l-ħalib.
Ninu Ninu tal-Milied
Ommi għamlet il-qagħqiet
Il-qagħqiet tal-qastanija
Santu Rokku bit-tiġrija
Għaddew il-festi kollha
Baqa’ biss Santa Marija.
Dirli dirli denbi
Il-qattus girifli ġenbi
Denbi ravjula
Saħħa sinjura
Għada jkollna t-tieġ
Bil-laħam u t-tiġieġ
Frawli biz-zokkor
Pastizzi bis-summien
Parrokka bajda bajda
Kollha qamel u subien.
Ix-xita u x-xemx
In-nanu San Lawrenz
In-nannu jilgħab il-boċċi
In-nanna tilgħab il-lewż
Ċuff ċuff il-baħar
Ommi mir-raħal
Missieri miż-Żejtun
Qiegħed iġerri l-karrettun.
Katarin ġibtlek lampuka
Katarin kebbes in-nar
Katarin iftaħ it-tieqa
Ħalli joħroġ id-duħħan.
Spara tir daqqu t-trumbetti
Ħanini għadu ma ġiex
Qbadt l-għonnella u mort infittxu
U sibtu f'ħoġor ix-xbejbiet!
Ba ba ċambabà
Kaxuxmetta bit-tumbà
Igdimha u busha
Fuq it-toppu tal-għarusa
Eppejpija eppejpò
Kaxuxmetta bit-tambò.
Sur Spiteri baqbaqumm
X’ġibt miegħek?
Kejla ful
X’nixrob fuqha?
Bajda friska
Idħol ġewwa u ibda kul.
Bumm bumm il-bieb
Ġie l-patri Kappuċċin
Bl-ixkubetta u l-azzarin.
Grillu gandofflu miet
Fuq seba’ ravjuliet
Ommu tibki u tixgħer
Missieru jċekċek iż-żnied.
Tombi tombi u spediet
Kwart sapun, erba’ ħabbiet
Żiemel tax-xema’
Ħarja f’wiċċ min sema’
Żiemel tal-fuħħar
Ħarja f’wiċċ min qal.
Darba kien hemm sultan
Ħabat tintu mat-tigan
It-tigan irid il-bajd
Il-bajd għand it-tiġieġa
It-tiġieġa trid in-nuħħala
In-nuħħala għand il-furnara
Il-furnara trid il-flus
Il-flus għand l-istampir
L-istampir irid il-ward
Il-ward ġewwa l-qasrija
Il-qasrija trid l-ilma
L-ilma ġewwa l-bir
Il-bir irid is-satal
Is-satal irid il-ħabel
Il-ħabel tal-istoppa
Jiena nnaqqi u int timbotta.
Illejla lejliet Lapsi
Il-baħrin iġerru d-dgħajjes
Kannestru biċ-ċirasa
Fuq il-mejda tal-għarajjes.
Bonġornu mgħallem bonġornu
Iż-żarbun diġà qattajtu
Issa x’nagħmel għidli mgħallem
Xejn ma ili li raqqajtu!
Żin żin it-tiben
Il-Qormija għandha tifel
Semmietu Ferdinandu
Il-qassis ma riedx jgħammdu
Għammdu t-tabib
Għall-inkejja tal-qassis.
Doqq doqq bedbut doqq
Ħa nixtrilek ħabba tin
Mingħand Peppu s-Seraċin.
Dawra durella
Qasba żigarella
Ħija l-abatija
Bil-kappella u l-mustaxija.
Dawra durella
Qasba żigarella
Ċoff tal-bellus
Ċaqċaqhielu lill-għarus.
Ċikku Ċikku t-tamburlin
Qata’ libsa tas-satin
Ma kellux min iħithielu
Ħitithielu Katarin
Katarin ta’ Vitor
Ħabba l-biċċa l-mastazzol
Mastazzol taċ-ċikkulata
Katarina l-isfaċċata.
Ġambomblu tat-tursin
Tajtu n-nar ma riedx isir
Ġambomblu tan-nuħħala
Tajtu n-nar ma riedx jispara.
Ġambomblu tat-tursin
Tajtu n-nar ma riedx isir
Ġambomblu tan-nuħħala
Tajtu n-nar ma riedx jispara.
Ommi għamlitli bandla
Għamlithieli fuq il-bejt
Ma kellix min ibandalni
U tela’ l-muċċu għarkupptejh.
Tan-nanna ħelu manna
Ta’ Gerit ħelu penit.
Tan-nanna ħelu manna
Ta’ Gerit ħelu penit.
Sur Ġużeppi doqqli daqqa
U doqqhieli bil-vjolin
Sur Gużeppi fittex isa
Sur Ġużeppi sar il-ħin.
Pizzi pizzi kanna
Dolores ta’ Sant’Anna
Sant’Anna tal-morina
Ġibli pezza pellegrina
Mgħaref tal-fidda
Bandieri tal-ħarir
Toni kanalja
Insara qaddisin.
Il-bajjad ħareġ ibajjad
Is-sinjura ħarġet tgħajjat
Isa fittex isa
Għax ħarġitli l-qattusa.
Banni bannozzi
Ġej it-tata ġej
Bil-pastizzi tal-ħabbtejn
Kollox għall-vavu
U għall-vava xejn.
One ta’ San Ġwann
Two tal-gvernatur
Three ta’ Marì
Four ta’ Vitor
Five tax-xiklifajk
Six ta’ San Franġisk
Seven ta' Buleben
Eight tas-Sur Gejt
Nine ta’ Wied il-Għajn
Ten tal-infern
Nagħtik daqqa u nixħtek ’l hemm.
