Għandna ħafna idjomi b’rabta mal-qalb: tagħmel f’qalbek, iżżomm f’qalbek, jiksrulek qalbek, bejtek f’qalbek, tgħid f’qalbek, taqla’ qalbek, taqta’ qalbek, tiftaħ qalbek, taqsam qalbek, tqawwi qalbek, tgħidlek qalbek, ifarrġulek qalbek u teħbrek qalbek. Ngħidu wkoll li m’għandekx qalb, taħdem bil-qalb, tagħmel il-qalb, tkun qalbek sewda, ikollok qalb ta’ tigra, ħruq il-qalb, diqa ta’ qalb, tferfir ta’ qalb, ħlewwa ta’ qalb, inkunu lkoll qalb waħda, tagħmel qalb ta’ sur u tmur bil-qalb it-tajba.